Esperjenzi personali ma' ... Franġisku ta' Assisi

Iltqajt ma' Ċikku ... u ara xi ġrali!

 

 Mela jum wieħed iltqajt ma' Franġisku.  Le, le, mhux mall-Papa Franġisku, dak miegħu għadni ma ltqajtx daqshekk mill-qrib.  Qegħda ngħid għal Franġisku ta' Assisi.  Raġel qsajjar, fqir ... sinjur, ġgant fl-imħabba.

              Konna qegħdin Għawdex għall-festa tal-Madonna ta' Loretu, u fil-knisja ltqajna ma' Fr. Noel, franġiskan.  Tkellimna ftit dwar l-arkittetura, imma Fr Noel kellu xi ħaġa oħra f'moħħu.  "Ser nagħmlu kors dwar l-ispiritwalita' franġiskana, xejn kbir, taf, imma għandu jkun interessanti.  Titħajru?"  Ma nafx kif, tħajjarna.
              Il-kors 'xejn kbir' tawwal sentejn!  Ħadmu fih esperti fis-suġġett tagħhom.  Tkellmu dwar l-istorja, l-kultura, l-Arti li kienu hemm kemm fiż-żmien Franġisku, u kemm dawk li huma frott tal-kultura franġiskana.

              Għaddew is-sentejn u ma xtaqnix nieqfu.  Lil Fr Noel għidnilu: "U issa?"  Dak kien qiegħed jistenna.  Żgur li dan kien il-ħsieb oriġinali tiegħu imma ħallina naslu għalih aħna stess.  "Smajtu dwar l-Ordni Franġiskan Sekular matul il-kors.  X'jidhrilkom?"  Taf x'dehrilna, li issa li ilna qrib it-tmintax-il sena membri ta' dan l-Ordni ... dehrilna 'kemm hu sew li qegħdin hawn!'

              Xi darba nitkellmu dwar dan l-Ordni iżjed fit-tul.  Għal lum nixtieq insemmi x'differenza għamlet il-laqgħa tiegħi ma' Franġisku.  Bdejt nifhem li l-Evanġelju qiegħed hemm biex ngħixu.  Prosit għalik, tgħiduli, xi ħaġa ġdida din?  Għalija kienet ġdida.  Għaraft li "ħalli kollox u ejja warajja" ma kienetx biss għas-sacerdoti u r-reliġjużi, imma għalija wkoll fil-ħajja tiegħi ta' kuljum.  Sirt nifhem x'jiġifieri taħfer tassew, mhux bil-kliem biss imma kif żgur ħafer Ġesu' minn fuq is-salib.  U li tħobb ifisser li jien ukoll ninżel naħsel riġlejn l-oħrajn, anki ta' dak li, bħal Ġuda ma' Ġesu', ma tantx jurini mħabba.  U l-iżjed ħaġa li ħallitni b'ħalqi miftuħ bl-istagħġib hi kemm Alla jħobbni.  Ma titwemminx imħabba bħal din qabel, bħal Franġisku, tħossha tgħannqek. 

              X'laqgħa kienet dik tiegħi ma' Ċikku?
                    

IL-KWIEKEB FID-DALMA






          Xi skiet! X'ħemda!  Is-sema mimli kwiekeb, m'hemmx imqar sħaba tgħattihom.  Kemm jidhru sbieħ f'dan id-dlam.  Tant kesħa, fuq kollox hu x-xahar ta' Diċembru, fil-muntanji, x'tistenna?  Imma ħafna skiet u ħemda wkoll.

          Stenna ftit, hemm x'inhu ġej, x'jien nara qalb is-siġar tal-foresta?  Dwal, ilħna, fejn sejrin dawn in-nies semplici, raħħala, bdiewa, b'fanal f'idejhom, b'ħarsa ta' stennija, fejn sejrin?  Nimxi magħhom, telgħin iżjed 'il fuq, lejn l-għerien li hemm fuq il-muntanja.

          Issa wasalna.  Dan l-għar mhux kbir ħafna imma b'xi mod irnexxilna nidħlu kollna kemm aħna.  Fil-ħemda inħarsu madwarna.  Mejda ċkejkna fin-nofs mgħottija bi tvalja  semplici, nadifa, bajda silġ.  Xi ħadd lestiha biex titqaddes quddiesa fuqha.  Hemm mall-ġenb tagħha,  x'jien nara?  Baqra u ħmara?  U maxtura ċkejkna bit-tiben fil-qiegħ tagħha?  U issa kant ħlejju, kant ta' ferħ, u saċerdot irodd is-salib biex jiccelebra il-quddiesa.

          Jerġa' jaqa' s-skiet, raġel qsajjar jersaq lejn il-maxtura u fiha jpoġġi xbieha ta' tarbija ċkejkna.  X'qima, x'imħabba!  Bid-dmugħ f'għajnejh idur lejna, jkellimna dwar dak il-lejl tant żmien ilu, lejl mimli kwiekeb ukoll, meta l-anġli taw l-aħbar li kien wasal is -Salvatur.  X'imħabba, jgħidilna, li Alla stess jibgħat lil Ibnu fid-dinja biex aħna wkoll insiru uliedu.

          U Franġisku jerġa' jerfa' t-tarbija minn ġol-maxtura, u din titwieled mill-ġdid ġo qalbna li qegħdin f'dan l-għar fi Greccio, u fil-qalb ta' dawk kollha li għad jgħixu din l-esperjenza ta' mħabba huma wkoll.  It-tbissima tat-tarbija timliena bit-tama ta' futur ta' ferħ u paċi.

          U nħares lejn is-sema u nifhem li l-kwiekeb tarahom l-iżjed u l-isbaħ, meta madwarhom ikun hemm id-dlam!