Iltqajt ma' Ċikku ... u ara xi ġrali!
Mela jum wieħed iltqajt ma'
Franġisku. Le, le, mhux mall-Papa
Franġisku, dak miegħu għadni ma ltqajtx daqshekk mill-qrib. Qegħda ngħid għal Franġisku ta' Assisi. Raġel qsajjar, fqir ... sinjur, ġgant
fl-imħabba.
Konna
qegħdin Għawdex għall-festa tal-Madonna ta' Loretu, u fil-knisja ltqajna ma'
Fr. Noel, franġiskan. Tkellimna ftit
dwar l-arkittetura, imma Fr Noel kellu xi ħaġa oħra f'moħħu. "Ser nagħmlu kors dwar l-ispiritwalita'
franġiskana, xejn kbir, taf, imma għandu jkun interessanti. Titħajru?" Ma nafx kif, tħajjarna.
Il-kors
'xejn kbir' tawwal sentejn! Ħadmu fih
esperti fis-suġġett tagħhom. Tkellmu
dwar l-istorja, l-kultura, l-Arti li kienu hemm kemm fiż-żmien Franġisku, u
kemm dawk li huma frott tal-kultura franġiskana.
Għaddew is-sentejn u ma
xtaqnix nieqfu. Lil Fr Noel għidnilu:
"U issa?" Dak kien qiegħed
jistenna. Żgur li dan kien il-ħsieb
oriġinali tiegħu imma ħallina naslu għalih aħna stess. "Smajtu dwar l-Ordni Franġiskan Sekular
matul il-kors. X'jidhrilkom?" Taf x'dehrilna, li issa li ilna qrib it-tmintax-il
sena membri ta' dan l-Ordni ... dehrilna 'kemm hu sew li qegħdin hawn!'
Xi
darba nitkellmu dwar dan l-Ordni iżjed fit-tul.
Għal lum nixtieq insemmi x'differenza għamlet il-laqgħa tiegħi ma'
Franġisku. Bdejt nifhem li l-Evanġelju
qiegħed hemm biex ngħixu. Prosit għalik,
tgħiduli, xi ħaġa ġdida din? Għalija
kienet ġdida. Għaraft li "ħalli
kollox u ejja warajja" ma kienetx biss għas-sacerdoti u r-reliġjużi, imma
għalija wkoll fil-ħajja tiegħi ta' kuljum.
Sirt nifhem x'jiġifieri taħfer tassew, mhux bil-kliem biss imma kif żgur
ħafer Ġesu' minn fuq is-salib. U li
tħobb ifisser li jien ukoll ninżel naħsel riġlejn l-oħrajn, anki ta' dak li,
bħal Ġuda ma' Ġesu', ma tantx jurini mħabba.
U l-iżjed ħaġa li ħallitni b'ħalqi miftuħ bl-istagħġib hi kemm Alla
jħobbni. Ma titwemminx imħabba bħal din
qabel, bħal Franġisku, tħossha tgħannqek.
X'laqgħa
kienet dik tiegħi ma' Ċikku?
Xi
skiet! X'ħemda! Is-sema mimli kwiekeb,
m'hemmx imqar sħaba tgħattihom. Kemm
jidhru sbieħ f'dan id-dlam. Tant kesħa,
fuq kollox hu x-xahar ta' Diċembru, fil-muntanji, x'tistenna? Imma ħafna skiet u ħemda wkoll.
Stenna
ftit, hemm x'inhu ġej, x'jien nara qalb is-siġar tal-foresta? Dwal, ilħna, fejn sejrin dawn in-nies
semplici, raħħala, bdiewa, b'fanal f'idejhom, b'ħarsa ta' stennija, fejn
sejrin? Nimxi magħhom, telgħin iżjed 'il
fuq, lejn l-għerien li hemm fuq il-muntanja.
Issa
wasalna. Dan l-għar mhux kbir ħafna imma
b'xi mod irnexxilna nidħlu kollna kemm aħna.
Fil-ħemda inħarsu madwarna. Mejda
ċkejkna fin-nofs mgħottija bi tvalja
semplici, nadifa, bajda silġ. Xi
ħadd lestiha biex titqaddes quddiesa fuqha.
Hemm mall-ġenb tagħha, x'jien
nara? Baqra u ħmara? U maxtura ċkejkna bit-tiben fil-qiegħ
tagħha? U issa kant ħlejju, kant ta'
ferħ, u saċerdot irodd is-salib biex jiccelebra il-quddiesa.
Jerġa'
jaqa' s-skiet, raġel qsajjar jersaq lejn il-maxtura u fiha jpoġġi xbieha ta'
tarbija ċkejkna. X'qima, x'imħabba! Bid-dmugħ f'għajnejh idur lejna, jkellimna
dwar dak il-lejl tant żmien ilu, lejl mimli kwiekeb ukoll, meta l-anġli taw
l-aħbar li kien wasal is -Salvatur.
X'imħabba, jgħidilna, li Alla stess jibgħat lil Ibnu fid-dinja biex aħna
wkoll insiru uliedu.
U
Franġisku jerġa' jerfa' t-tarbija minn ġol-maxtura, u din titwieled mill-ġdid
ġo qalbna li qegħdin f'dan l-għar fi Greccio, u fil-qalb ta' dawk kollha li
għad jgħixu din l-esperjenza ta' mħabba huma wkoll. It-tbissima tat-tarbija timliena bit-tama ta'
futur ta' ferħ u paċi.
U
nħares lejn is-sema u nifhem li l-kwiekeb tarahom l-iżjed u l-isbaħ, meta
madwarhom ikun hemm id-dlam!